100 sena ilu – Pawlu Burlo’ jsejjaħ lit-Tfal u l-ġirien għar-Rużarju

Event details

  • Saturday | 2nd May 2020 to Saturday | 30th May 2020
  • All Day

100 Sena ilu – x’kien l-ambjent li fih, mir-Rużarju u l-festin ċkejken li kien iħejji Pawlu Burlo’ wassal għall-Knisja Parrokkjali tagħna?

Nistgħu nimmaġinaw il-ħajja sempliċi, l-kwiet, l-għelieqi.  Xejn mill-ġirja tallum, ħajja ta’ landier, bil-familja, jitħabat għall-għixien, ftit wara t-tmiem tal-Ewwel Gwerra, qabel bdiet l-urbanizzazzjoni tal-inħawi, qabel l-influss ta’ refuġjati li kellhom jaħarbu mit-Tlett ibliet tal-Kottonera.  Imma x’seta’ kien qed jisma’ Pawlu dak iż-żmien? Fl-1918 kien hawn l-Influwenza Spanjola li ħakmet 20,388 persuna.  Matul l-1919 kellhom it-tieni mewġa sakemm intemmet għal kollox! Forsi wkoll it-tixrid tad-demm tal-Maltin tas-7 ta’ Ġunju !

Mejju ta’ mitt sena ilu 1920 kien xahar Marjan li bħalu qatt ma kien hemm fl-istorja u speċjalment fil-Belt tal-Isla.  Fit-23 ta’ Mejju 1920 waslet l-aħbar li l-Papa Benedittu XV kien ta l-permess għall-Inkurunazzjoni tal-Istatwa mirakuluża ta’ Marija Bambina tal-Isla.  L-Ewwel statwa f’Malta li tiġi nkurunata. L-approvazzjoni kienet ingħatat wara biss ftit granet, mill-31 ta’ Marzu ta’ qabel meta intbagħtet talba formali tal-Arċisqof flimkien ma’ dikjarazzjonijiet tal-Kapitlu, l-Kleru u l-poplu tal-Isla.  Fit-talba jissemmew numru ta’ mirakli li twettqu wara wegħdiet lill-Madonna.

Ta’ interess partikulari llum li ninsabu f’din il-pandemija huwa miraklu minnhom li jissemma meta waqt l-imxija tal-Pesta kważi mitt sena qabel fl-1813, Malta kienet taħt il-flaġell tal-Pesta.  Il-Kapitlu u l-popli tal-Isla għamlu wegħda fl-1813 lill-Madonna u lil San Rokku sabiex il-Belt tal-Isla tkun meħlusa.  Il-grazzja nqalgħet għax il-pesta ma waslitx u l-ebda persuna ma kienet infettata ġewwa l-Isla !  Sena wara fl-1814 bdiet issir purċissjoni bl-istatwi msemmija sal-Knisja tal-Lunzjata tal-Birgu.  Intrabtu b’wegħda li ssir purċissjoni bil-Vara tal-Bambina fit-8 ta’ Settembru.

Fl-istess sena 1920  u fl-istess xahar, fit-18 ta’ Mejju, żgur li ħadd ma kien jaf x’qed jiġri fil-Polonja. Skond tabib famuż f’Wadowice, Dr. Jan Moskała, it-tarbija ma kellhiex titwieled għax Emilia (Ommu) kienet tmut. Kellha tagħżel bejn ħajjitha u dik tat-tarbija. It-twemmin qawwi ta’ Emilia għenitha ma tagħżilx li ttemm il-ħajja! Fil-fond ta’ qalbha kienet lesta biex tagħmel kull sagrifiċċju għat-tarbija li kienet qed iġġorr. It-tabib baqa’ jinsisti u jinsisti biex jitneħħa !

Il-Missier, tkellem ma’ tabib ieħor tar-reġiment fejn kien jaħdem Dr. Samuel Taub, tabib Lhudi minn Krakovja, u wara analiżi stabilixxa li tassew Emilia kienet titlef ħajjitha jekk it-tqala titwassal sal-aħħar. Dan iżda ma ssuġġeriex it-tmiem tat-tqala iżda serħan kontinwu. Emilia u Karol, il-ġenituri ħadu deċiżjoni li jiġri x’jiġri, it-tarbija fil-ġuf titħalla sat-twelid.

Emilia kellha tqala diffiċli, ħafna ħin mimduda u saħħitha marret lura ħafna. Meta wasal it-18 ta’ Mejju, Emilia kienet mimduda fis-salott f’appartament fi triq Koscielna flimkien mal-qâbla. Sadattant, il-Missier Karol u ibnu l-kbir Edmund kienu għal ħabta tal-5:00 pm fil-knisja biex jieħdu sehem fit-talb tal-Uffiċċju Divin fil-Parroċċa faċċata tad-dar u kienu qed ikantaw il-Litanija tal-Madonna ta’ Loretu. Xhieda jgħidu li Emilia talbet lill-qâbla biex tiftaħ it-tieqa: xtaqet li l-ewwel ħsejjes li binha jisma’ jkun innu ta’ tifħir lil Verġni Marija. Nistgħu ngħidu mela li Emilia Wojtyla welldet lil binha, waqt il-kant tal-Latina tal-Madonna. Karol, li kellu jkun wieħed mill-akbar devoti tal-Verġni Marija, li kellha tħarsu mill-mewt fit-13 ta’ Mejju meta kien il-Papa Ġwanni Pawlu II u sparawlu.  Papa Ġwanni Pawlu nnifsu kien qal lis-segretarju privat tiegħu, Stanislaw Dziwisz li hu kien twieled fil-Litanija ta’ tifħir lil Omm Alla. Mhux biss, wara numru ta’ snin fl-istess data u ħin kien elett Papa !

Dan kien qed jiġri ħafna ‘l bogħod filwaqt li Pawlu Burlo’ kien isellem ‘l Marija bir-Rużarju, l-Litanija u innijiet Marjani !

X’ħeġġeġ lil Pawlu jibda’ jiġbor in-nies għar-Rużarju?  Min fejn ġiet l-imħabba lejn Marija li beda jxerred Pawlu? Ftit nistgħu nkunu nafu, imma l-Ewwel gwerra dinjija, l-bini tal-breakwater tal-belt Valletta u l-preżenza tal-flotta, ġabu xogħol għal ħafna nies u wara faqar u tbatija. Żminijiet ta’ prosperita’ u faqar. Konċentrazzjoni ta’ nies madwar il-portijiet tal-Belt Valletta u Tlett Ibliet, imxija ta’ mard, fl-għajnejn, deni rqieq… Il-fidi tal-Maltin li jafdaw ruħhom fl-interċessjoni ta’ Marija. Hekk għandna nagħmlu wkoll f’din il-Pandemija.

X’seta’ sema Pawlu wkoll? Forsi kien għadu jidwi l-Miraklu tax-Xemx ta’ Fatima, forsi x’kienu raw it-tfal Franġisku u Ġjaċinta Marto li ċkejknin tefgħu d-dinja warajhom u daru għat-talb tar-Rużarju u s-sagrifiċċji għal maħfra tad-dnubiet! Min jaf? Forsi waslitlu l-aħbar li fl-4 t’April 1919 miet Franġisku fi tbatija ma titwemminx minħabba l-Influwenza Spanjola. F’faqar li ma jitwemminx, fi żmien meta kien għad m’hawnx il-peneċillina, waħedhom minħabba l-mard, (kif ħafna anzjani f’tant pajjiżi qed imutu llum ukoll, bla qraba, bla sagramenti, bla funerali).  Forsi wkoll sar jaf li fi Frar 1920 kienet mietet ukoll fl-istess mard, abbandunata, waħedha, fi tbatija oħt Franġisku, Ġjaċinta?  Forsi l-esperjenza terribbli tal-Infern, li rrakkontaw it-tfal u t-telf tal-erwieħ?  Minnha t-tfal tgħallmu li għandna nitolbu għall-midimbin u kull okkażjoni ta’ tbatija noffruha għas-salvazzjoni tal-erwieħ !  Nerġa, ngħid min jaf? Forsi għalhekk ħajjar għar-Rużarju l-ewwel lit-tfal u lil ġenituri u lill-ġirien. Nirringrazzjaw ‘l Alla m’aħniex fl-istess miżerja, imdawrin b’servizzi sanitarji mill-aqwa. Imma xorta għandna x’nagħmlu – nitolbu u ma nieqfux speċjalment ir-Rużarju fil-familja. Imċaħħdin mill-aqwa ġid spiritwali ma nintelqux. Faċli naqgħu fit-tentazzjoni li naħsbu li ngħaddu mingħajr Alla, li ngħaddu mingħajr sagramenti, mingħajr talb. Nieħdu l-okkażjoni biex ngħarblu lilna nfusna, inkunu dejjem imħejjija u niftakru li fejn ‘tnejn jew tlieta jiltaqgħu f’ismi hemm inkun jien f’nofshom’.

Marija Immakulata Berikna u Ħarisna, San Mikiel Arkanġlu ipproteġina, San Rokku biegħed minna kull mard, San Pawl Missierna idħol għalina.