- Ta Lbieraħ
- Tal Llum
- Ta Għada
Il-Ħames Ġimgħa tal-Għid
It-Tnejn
Qari I
Ġejna nħabbrulkom biex tħallu dawn l-idoli fiergħa u dduru lejn Alla l-ħaj.
Atti 14, 5-18
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, il-pagani u l-Lhud, flimkien mal-kapijiet tagħhom, ftiehmu li jumiljaw lil Pawlu u lil Barnaba u jħaġġruhom. Malli saru jafu b’dan, ħarbu lejn Listra u Derbi, bliet ta’ Likaonja, u fl-inħawi ta’ madwarhom; u hemmhekk qagħdu jxandru l-Evanġelju.
F’Listra kien hemm raġel bilqiegħda, marid b’riġlejh; kien magħtub mit-twelid, u qatt ma kien mexa. Hu sama’ lil Pawlu jitkellem. Dan ħares lejh sewwa, ra li kellu fidi biex ifiq, u qallu b’leħen għoli: “Qum, ieqaf fuq riġlejk”. Dak qam minnufih u beda jimxi. Malli raw dak li għamel Pawlu, il-kotra tan-nies bdiet tgħajjat bl-ilsien ta’ Likaonja: “L-allat niżlu fostna taħt sura ta’ bnedmin!”. U lil Barnaba sejħulu “Żews” u ’l Pawlu “Ermi”, għax hu l-aktar li tkellem.
Il-qassis ta’ Żews, li kellu t-tempju tiegħu ħdejn il-belt, ġieb fil-bieb gniedes imżejnin bil-kuruni u, flimkien mal-poplu, ried joffrihomlhom b’sagrifiċċju. Malli semgħu b’dan, l-appostli Barnaba u Pawlu ċarrtu lbieshom, resqu malajr lejn il-ġemgħa, u bdew jgħajtu u jgħidu: “Ħbieb, hemm x’intom tagħmlu? Aħna wkoll bnedmin, ngħixu u nħossu bħalkom, bnedmin li ġejna nħabbrulkom l-Evanġelju biex tħallu dawn l-idoli fiergħa u dduru lejn Alla l-ħaj, li għamel is-sema u l-art u l-baħar u kulma fihom. Fl-imgħoddi huwa ħalla l-ġnus kollha jimxu fi triqathom, madankollu ma naqasx li jagħti xhieda fuqu nnifsu bil-ġid li jagħmlilkom, meta jagħtikom ix-xita mis-sema u l-frott fi żmienu, u hekk ixebbagħkom bl-ikel u jimlielkom qalbkom bl-hena”. Imma b’dan il-kliem bilkemm setgħu jżommu lill-poplu li ma joffrilhomx sagrifiċċju.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 113B (115), 1-2.3-4.15-16
R/. (1): Mhux lilna, Mulej, mhux lilna, iżda lil ismek sebbaħ
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Mhux lilna, Mulej, mhux lilna,
iżda lil ismek sebbaħ,
għat-tieba u l-fedeltà tiegħek.
Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus:
“Fejn hu Alla tagħhom?”. R/.
Fis-smewwiet hu Alla tagħna;
hu jagħmel kulma jogħġbu.
Fidda u deheb huma l-allat tagħhom,
xogħol ta’ jdejn il-bniedem. R/.
Imberkin intom mill-Mulej,
li għamel is-sema u l-art.
Is-smewwiet huma s-smewwiet tal-Mulej;
imma l-art hu taha lill-bnedmin. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 14, 26
Hallelujah. R/. Hallelujah
L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom kollox, jgħid il-Mulej,
u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġw 14, 21-26
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”. Ġuda – l-ieħor, mhux l-Iskarjota – qal lil Ġesù: “Mulej, din kif inhi li inti se turi ruħek lilna u mhux lid-dinja?”. Ġesù wieġbu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni. Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Il-Ħames Ġimgħa tal-Għid
It-Tlieta
Qari I
Qagħdu jgħarrfu lill-Knisja b’dak kollu li Alla għamel magħhom.
Atti 14, 19-28
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, waslu f’Listra xi Lhud minn Antjokja u minn Ikonju, li rnexxielhom idawru n-nies għal magħhom. Qabdu jħaġġru lil Pawlu u kaxkruh ’il barra mill-belt, għax ħasbuh mejjet. Imma xi dixxipli daru miegħu, u hu qam fuq riġlejh u daħal il-belt. L-għada telaq ma’ Barnaba u mar Derbi. Huma xandru l-Evanġelju f’dik il-belt u għamlu ħafna dixxipli. Fi triqthom lura, għaddew minn Listra, Ikonju u Antjokja, jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-fidi, “għaliex, kif kienu jgħidulhom, jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla”. Għamlulhom ukoll presbiteri f’kull Knisja, u bit-talb u s-sawm ħallewhom f’idejn il-Mulej, li fih kienu emmnu. Imbagħad għaddew minn Pisidja u ġew fil-Pamfilja. Wara li xandru l-kelma f’Perġe, niżlu Attalija; minn hemm marru bil-baħar lejn Antjokja, mnejn kienu bagħtuhom u rrikkmandawhom f’idejn il-grazzja ta’ Alla għax-xogħol li temmew.
Meta waslu, laqqgħu l-membri tal-Knisja u qagħdu jgħarrfuhom b’dak kollu li Alla għamel magħhom, u wrewhom kif fetaħ il-bieb tal-fidi għall-pagani. Hemm qagħdu għal ftit żmien sewwa mad-dixxipli.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 144 (145), 10-11.12-13ab.21
R/. (ara 12a): Il-ħbieb tiegħek, Mulej, huma s-sebħ tas-saltna tiegħek
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.
Biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,
u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.
Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha,
minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek. R/.
Tifħir il-Mulej ixandar fommi;
u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu
għal dejjem ta’ dejjem! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Lq 24, 46.26
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet,
u hekk jidħol fil-glorja tiegħu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Nagħtikom is-sliem tiegħi.
Ġw 14, 27-31a
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għedtilkom: “Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom”. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni. U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu. M’iniex se nkellimkom iżjed fit-tul, għax il-Prinċep tad-dinja ġej. Kontra tiegħi xejn ma jista’ jagħmel; iżda ħalli d-dinja tagħraf li jiena nħobb lill-Missier u li nagħmel kif ordnali l-Missier”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Il-Ħames Ġimgħa tal-Għid
L-Erbgħa
Qari I
Qatgħuha li jitilgħu Ġerusalemm ikellmu lill-appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni.
Atti 15, 1-6
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, niżlu f’Antjokja xi wħud mil-Lhudija u bdew jgħallmu lill-aħwa: “Jekk ma toqogħdux għaċ-ċirkonċiżjoni skont id-drawwa li ġejja minn Mosè, ma tistgħux issalvaw”. Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u ħaduha magħhom bis-sħiħ; għalhekk qatgħuha li Pawlu u Barnaba u xi wħud oħra minnhom jitilgħu Ġerusalemm ikellmu lill-appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni. Il-ġemgħa tal-Knisja marret tqabbadhom it-triq, u huma għaddew mill-Feniċja u s-Samarija, jitkellmu fuq il-konverżjoni tal-pagani u jnisslu ferħ kbir fost l-aħwa kollha.
Meta waslu Ġerusalemm, il-ġemgħa tal-Knisja, l-appostli u l-presbiteri laqgħuhom tajjeb u huma għarrfuhom b’dak kollu li Alla kien għamel magħhom. Iżda xi wħud min-naħa tal-Fariżej li kienu emmnu qamu jgħidu: “Jeħtieġ li l-pagani joqogħdu għaċ-ċirkonċiżjoni u jkunu obbligati jħarsu l-Liġi ta’ Mosè”. Għalhekk l-appostli u l-presbiteri ltaqgħu flimkien biex jaraw din il-kwistjoni.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 121 (122), 1-2.3-4a.4b-5
R/. (ara 1): Sejrin ferħana f’dar il-Mulej
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Fraħt meta qaluli:
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna
fi bwiebek, Ġerusalemm! R/.
Ġerusalemm, mibnija bħal belt,
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu,
it-tribujiet tal-Mulej. R/.
Hemm, skont il-liġi ta’ Iżrael,
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq,
it-tronijiet tad-dar ta’ David. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 15, 4a.5b
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid il-Mulej;
min jibqa’ fija jagħmel ħafna frott.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.
Ġw 15, 1-8
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għedtilkom. Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu. Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu