100 Anniversarju mit-Twelid ta’ Dun Edgar Vella

Event details

  • Tuesday | 12th February 2019 to Thursday | 28th February 2019
  • All Day

L-14 ta’ Frar huwa jum it-Twelid ta’ Dun Edgar Vella. Kienet is-Sena 1919 li hi mmarkata fid-dati mportanti tal-istorja ta’ Malta.  Imma dak il-Jum fis-skiet kienet qed taħdem il-providenza t’Alla għax twieled Edgar, iben Giuseppe u Marianna Anastasi.  Kien mgħammed fis-16 ta’ Frar 1919 fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu.  Tarbija ċkejkna li kiber u ħaddan il-vokazzjoni saċerdotali u qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu fil-11 t’Awwissu 1946.  Beda il-ħidma pastorali fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu u fost dmirijiet oħra kien iqaddes ukoll fl-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni fi Triq id-Duluri.  Sar Rettur tal-Kappella u xtaq li jibni knisja akbar biex isostni n-numru kbir ta’ persuni li kienu jiffrekwentaw l-Oratorju. Spazju qatt ma kien biżżejjed anqas għall-Liturġija flimkien mad-Duttrina. Hu xtaq jibni knisja u wara li kiseb l-approvazzjoni ħadem bla tmiem biex iwettaq dan il-proġett.  Kien jagħmel sagrifiċċji kbar saħansitra jbiegħ il-biljetti u jittallab l-għajnuna filwaqt li uża ġidu kollu għal dan l-għan. Tqiegħdet l-ewwel Ġebla fil-23 ta’ Marzu 1958.Jistinka fuq li jistinka. Fl-aħħar tlesta l-bini tal-knisja, ingħata l-konkos tas-soqfa iżda mingħajr l-anterna.  Għalkemm kien assista it-tqegħid tal-Ewwel Ġebla kif kważi tlestiet il-knisja huwa ma kellux il-grazzja li jara l-ħolma tiegħu titlesta għax fl-20 ta’ Novembru 1962 filgħaxija huwa talab lil Alla u l-Madonna għal Malta u għal ħabta tas7:15 pm ta’ 43 sena huwa mar jiltaqgħa mal-Mulej.

Arawh dan it-Tempju ġebla fuq ġebla u warajhom hemm ħafna qlub ġenerużi, il-ħafna li offrew ftit milli setgħu.  Żgur hemm it-tbatija u l-ħidma ta’ Dun Edgar Vella.  Il-Bini ra t-tmiem u llum qed ikompli jissebbaħ għax hekk jixraq id-Dar t’Alla.

Grazzi Dun Edgar ta’ dan it-Tempju li minnu ħarġu tant sagramenti, tant erwieħ sabu komunita’ u l-Kelma t’Alla li ssalva, l-Ewkaristija li tgħaqqadna. Ara l-ġid li twettaq mill-isforzi tiegħek, ara t-trabi li tgħammdu, iż-żgħażagħ li ikkonfermaw twemminhom, fittxew il-grazzja fiż-żwieġ u l-familja jew il-grazzja tal-Ordni sagri u oħrajn li kisbu l-faraġ tal-Griżma u ħallew f’idejn uliedhom il-ħeġġa tal-fidi. Ara dan kollu, ara l-ġid spiritwali.  Nagħtu glorja ‘l Alla l-awtur ta’ kull ġid.

Biex infakkru it-Twelid ta’ Dun Edgar se ssir Quddiesa Solenni mmexxija mill-Vigarju l-Eċċ. Tiegħu Mons. Isqof Joseph Galea Curmi nhar il-Ħamis 14 ta’ Frar 2019.  Xieraq li nattendu u nroddu ħajr ‘l Alla tal-ġid li xerred fuqna permezz tal-ħidma ta’ Dun Edgar Vella.