Protagonisti fil-Familja Parrokkjali

Għeżież.  Għadna kemm bdejna n-novena tal-Kunċizzjoni u fl-Ewwel jum, inawgurajna ċ-Ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-50 sena mit-twaqqif tal-parroċċa tagħna. Iż-żewġ ġrajjiet li se jseħħu f’ġimgħatejn, għandhom jagħtuna direzzjoni, joffrulna possibiltà ta’ riflessjoni matura fiċ-ċelebrazzjonijiet li se jsiru.

Qed nirreferi għall-Assemblea Djoċesana li saret fl-aħħar ġimgħa ta’ Novembru u ċ-ċensiment li se jsir fl-Ewwel Ħadd tal-Avvent.

L-ewwel ħsieb importanti fil-50 sena tal-parroċċa tagħna nisiltuh mit-tema tal-Assemblea li se twassal għall-Pjan Pastorali ġdid mibni fuq il-Katekeżi u d-Djakonija. Aħna, għax nipprattikaw ir-reliġjon u nsegwu, bejn wieħed u ieħor, it-tagħlim tal-Knisja Kattolika, naħsbu li m’għandniex bżonn ta’ Katekeżi: Tħabbira tal-Kelma jew formazzjoni nisranija. Il-Katekeżi, hi bbażata, mhux fuq il-kelma ta’ bniedem imma fuq il-Kelma t’Alla li tibqa’ rilevanti għal kull sitwazzjoni li ngħixu fiha. Għalhekk irridu dejjem inqiegħdu ruħna fil-post tad-dixxipli li jintasbu bilqiegħda ħalli jitgħallmu mingħand l-Imgħallem Divin.

Id-Djakonija hi l-azzjoni li tiġi mill-fidi li tkun kabbart bil-katekeżi. Id-djakonija ma tistax tkun biss filantropija, għax dik jagħmluha wkoll dawk li ma jemmnux, imma hi ferm aktar qawwija. Trid tkun azzjoni pożittiva li tiġi mill-imħabba lejn Ġesù li ta ħajtu għalina.

It-tieni ħsieb nisiltuh mir-riżultat taċ-ċensiment tal-quddies. 50 sena ilu, lejliet it-twaqqif tal-parroċċa kien sar l-ewwel ċensiment f’pajjiżna. Kien żmien differenti, meta marru l-quddies 82% tal-Maltin. Jiena nittama li r-rata t’attendenza li se toħroġ tkun tal-inqas, in-nofs, għalkemm nibża li tista’ tkun inqas. Imma, jkun xi jkun ir-riżultat, irridu nieħdu sinjali pożittivi u nerfgħuhom matul din is-sena tal-Ġublew. Irridu nkunu nies ta’ fidi soda, nibżgħu għaliha u nsaħħuha. Jeħtieġ nifhmu li kontra kurrenti li qed ikunu dejjem iżjed kuntrarji, irridu ninvestu aktar fiha. Irridu nkattru t-tama. Anke f’minoranza, irridu nwasslu messaġġ u nuru f’min nemmnu u nafu fejn sejrin u lejn x’hiex iddestinati. Irridu nkunu wkoll aktar sensittivi għal xulxin, nuru aktar ħniena u nkunu aktar interessati fil-ġid spiritwali ta’ xulxin, dak li kisbilna Sidna Ġesù bil-mewt u l-qawmien tiegħu.

Marija Immakulata tidderiġina matul din is-sena sabiex napprezzaw aktar din il-familja parrokkjali tagħna u li aħna rridu nkunu protagonisti fiha. Kunu mberkin.

Post a comment