Marija tistedinna ngħixu fit-Triq tad-Dawl

Issa li l-anniversarju tal-Ħamsin sena parroċċa għadda nistgħu nagħmlu xi riflessjonijiet li fihom niġbru u ntemmu dak li ħejjejna u wettaqna matul din l-aħħar sena. Se nikkonċentra l-aktar fuq l-aħħar attivitajiet, speċjalment dawk li saru fin-novena tal-Kunċizzjoni. Kienet novena speċjali u unika għal ħafna raġunijiet. Inkitbet l-istorja għax żgur li ħafna se jibqgħu jiftakru l-pellegrinaġġ u l-purċissjoni lejn u mill-knisja ta’ San Gejtanu li kkaratterizzaw l-ewwel erbat ijiem tan-novena meta l-vara titulari waslet f’din il-Knisja. Nixtieq nagħmel xi riflessjonijiet mhux daqstant fuq il-lat esterjuri ta’ din il-manifestazzjoni, imma fuq is-sens Marjan-spiritwali tagħha.

Nibda’ mill-avveniment tal-bidu tan-novena meta tlaqna permezz ta’ pellegrinaġġ bil-vara lejn il-parroċċa ta’ San Gejtanu filgħaxija. Is-sens tal-pellegrinaġġ hu t-talb u l-mixi, fil-każ tagħna bil-lejl. Hawn aħna kellna x-xbieha ta’ Marija bħala l-mara bil-qamar taħt riġlejha takkumpanjana lejn it-tempju t’Alla filwaqt li aħna konna qegħdin ngħidu t-talba tar-Rużarju. Dan is-simboliżmu, meħud mill-profeziji li nsibu fil-Ktieb tal-Apokalissi, tal-qamar taħt riġlejn il-Madonna narawh iseħħ fiha permezz tar-rebħa tagħha fuq id-dnub, li tiegħu l-qamar hu simbolu għax jirrappreżenta l-lejl (in-nuqas ta’ dawl).

L-avveniment tal-Ħadd jagħtina idea oħra mill-Apokalissi: il-mara liebsa x-xemx. Ix-xemx hija simbolu tad-dawl li hu Kristu. Għalhekk għandna lil Marija miksija bid-dawl li hu Ġesù binha. Din ix-xbieha tistedinna għall-ferħ u dakinhar tal-purċissjoni din kienet it-tema prinċipali, li tara lil Marija, il-mara liebsa x-xemx, timxi qabilna lejn il-knisja tistedinna biex bħalha nkunu mlibbsa bid-dawl ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Hekk kif dħalna l-Knisja Parrokkjali sibna x-xbieha kbira ta’ Marija Immakulata, il-mara bi tnax-il kewkba fuq rasha, li għandna fl-abside tistedinna sabiex nikkontemplaw u nagħmlu esperjenza tat-Triq tad-Dawl (il-Via Lucis) li huma rappreżentati b’mod artistiku u devot fil-presbiterju. Fil-Via Lucis il-protagonist assolut huwa Ġesù Rxoxt. Imma qabel tela’ s-sema Ġesù ħalla lil Marija sabiex takkumpanja lill-appostli, lill-Knisja u għalhekk, lilna wkoll sabiex nipparteċipaw b’mod sħiħ fil-misteru tal-Għid. Ejjew f’din is-sena Ġdida nagħmlu ħafna frott fuq livell personali u parrokkjali minn din il-ħidma u l-għajnuna tal-Mara bil-qamar taħt riġlejha, imlibbsa bix-xemx u bi tnax-il kewkba fuq rasha li se tkun magħna u għalina. Kunu mberkin.

Post a comment