Kristu Rxoxt iġedded il-Ħajja

Għeżież

Iż-żmien tal-Għid se jiġi fl-istess żmien ta’ wieħed mill-isbaħ żminijiet tas-sena meta r-rebbiegħa terġa’ tagħtina l-ħajja wara x-xhur tax-xitwa fejn rajna nuqqas ta’ dawl, kesħa u xita. Fir-rebbiegħa ngħixu t-tiġdid tan-natura u tistedinna nieħdu sehem f’dan it-tiġdid billi napprezzaw aktar is-sbuħija tal-ħolqien, tal-ġisem u tas-saħħa.

L-Għid il-Kbir ukoll ġab din ir-riġenerazzjoni mhux daqstant fuq livell naturali, imma fuq livell superjuri; dak tal-ispirtu. San Pawl meta kiteb l-ittra lin-nies ta’ Kolossi kellimhom fuq din l-esperjenza fundamentali tal-Għid ta’ Ġesù kif ukoll fuq l-effetti kbar li din ħalliet fuq il-Knisja li kien waqqaf. Kristu Rxoxt sar ir-ras tal-Knisja li hi l-ġisem tiegħu. Ġesù hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox. Alla l-Missier ried li b’Ġesù Ibnu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu u jġib il-paċi kemm fis-sema u kemm fl-art.

San Pawl kiteb ukoll lin-nies ta’ Efesu fuq dan is-suġġett fejn saħaq fuq l-effetti straordinarji tal-Misteru tal-Għid fuq il-Knisja. Dan se jġib it-twettiq ta’ dak li kien hemm fil-pjan t’Alla, jiġifieri li konna magħżulin biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu permezz tal-grazzja tal-adozzjoni. L-għana tal-grazzja ta’ Kristu hija enormi tant li kisbitilna l-fidwa ta’ ħajjitna flimkien mal-maħfra ta’ dnubietna. Ġesù rxoxt lilna fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu possibbli.

Matul din is-sena li fiha qed niċċelebraw il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa se jkollna ċ-ċans insebbħu l-knisja parrokkjali permezz tal-Via Lucis li tinkludi l-erbatax-il stazzjon tal-Misteru tal-Għid. Minn hawn nixtieq nistieden lil kull familja sabiex ikollha sehem f’dan il-proġett billi tikkontribwixxi mill-aħjar li tista’ għal din l-opra artistika li se tkun esegwita mill-istess skultur tal-Kurċifiss li nħaden mid-ditta Stuflesser minn Ortisei (provinċja ta’ Bolzano, l-Italja).

Il-Kappillan, il-Kleru u l-Kunsill Pastorali Parrokkjali 

jixtiequ lill-Komunita’ Parrokkjali l-Għid it-Tajjeb

Post a comment