Kristu Rxoxt – 1 ta’ Mejju 2017

Kristu Rxoxt

 

Karatteristika sabiħa tal-Liturġija ta’ żmien l-Għid hija l-qari kontinwu tal-Atti tal-Appostli li jirrakkuntaw l-iżvilupp tal-Knisja fl-ewwel għexieren ta’ snin wara l-Pentekoste. Il-bidu kien kolossali; wara l-ewwel prietka ta’ Pietru kienu mat-tlett elef li talbu li jitgħammdu u b’hekk tnisslet l-ewwel komunità kristjana f’Ġerusalemm. Il-ħajja tal-ewwel insara kienet ibbażata fuq l-erba’ kolonni tal-ħajja appostolika: a) it-tagħlim tal-appostli b) it-talb c) il-qsim tal-ħobż u d) l-għaqda ta’ bejniethom. Sa hawn kollox sew. Imma l-Knisja li waqqaf Ġesù Kristu ma kellhiex tkun biss realtà magħluqa qisha xi belt-fortizza li la tista’ tidħol ġewwa u lanqas toħroġ barra.

Diversi ċirkostanzi bdew juru li din ir-realtà ma setgħetx tibqa’ sejra hekk. Kellna l-episodju traġiku t’Ananija u Saffira, li ttentaw l-Ispirtu s-Santu bl-atteġġament ta’ kalkolu uman tagħhom, kellna t-tgergir tal-Lhud griegi kontra l-Lhud għax, skont huma, ma kienx qed isir tqassim sew lir-romol tagħhom u kellna wkoll l-episodju ta’ Pawlu li, frisk frisk wara l-konverżjoni tiegħu kellu jaħrab għax xi Lhud riedu joqtluh u meta beda jipprietka f’Ġerusalemm, l-insara beżgħu minnu.

Il-Knisja, kellha bżonn imbuttatura għax kienet staġnat. Din ġiet b’żewġ modi: permezz tal-personalità qawwija ta’ San Pawl u permezz tal-Ispirtu s-Santu. Pawlu ma’ sabhiex bi tqila li jiddiskuti mal-kap tal-appostli fuq il-metodu tal-Evanġelizzazzjoni speċjalment fuq l-urġenza li l-knisja tintefaħ għal kulħadd anke għall-pagani, kif Ġesù kien talabhom jagħmlu qabel tela’ s-sema. Għandna l-episodju ta’ Ċesarija fejn insibu lil Pietru mmexxi mill-Ispirtu s-Santu, li wara li kellu tlett deheriet, għalkemm mhux skont kif ried hu, mar iwassal il-Kerygma lill-pagani. Huwa u jagħmel dan, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq Kornelju u l-pagani li kellu quddiemu u minn dan Pietru għaraf kif Ġesù ried li tkun il-Knisja: Knisja Universali.

Din ir-riflessjoni tgħodd għalina wkoll. Aħna wkoll għandna bżonn nagħmlu l-konverżjoni tagħna ħalli l-parroċċa tagħna, jiġifieri aħna lkoll, tkun iktar miftuħa, inklussiva, profetika, spiritwali, pastorali, viċin kulħadd, qaddejja u missjunarja. Aħna però, m’aħniex kapaċi, imma Kristu Rxoxt qed jistenniena sabiex niftħu qalbna kif għamel Pietru f’Ċesarija sabiex jibgħat l-Ispirtu s-Santu fi qlubna biex jittrasformana. Kunu mberkin.

il-Kappillan
1 ta’ Mejju, 2017

Post a comment