Iż-Żmien Mitmum – Indmu u Emmnu

Għeżież, se nibdew dan ix-xahar billi nkomplu ż-żmien tar-Randan u ntemmuh biċ-Ċelebrazzjoni tal-Misteru l-aktar importanti tal-fidi tagħna: il-Vġili tal-Għid il-Kbir. Għalhekk dan ix-xahar jagħtina opportunità sabiha biex ngħaqdu ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ żmien ir-randan ma’ dawk tal-Għid permezz taċ-ċelebrazzjoni unika tal-Vġili tal-Għid Qaddis. Din iċ-ċelebrazzjoni trid tagħtina nterpretazzjoni kemm taż-żmien tar-randan kif ukoll dak tal-Għid.

Matul iż-żmien tar-randan tgħina ħafna l-ewwel sentenza li qal Ġesù fil-vanġelu ta’ San Mark, li qegħdin nimmeditaw f’din is-sena liturġika: (Mk 1, 15) “Iż-żmien huwa mitmum u s-saltna t’Alla waslet; indmu u emmnu fis-saltna t’Alla.” Narah qisu programm ta’ formazzjoni li jagħmlilna Ġesù lilna d-dixxipli. Nistgħu naqsmuh f’erba’ passaġġi tal-ħajja nisranija li aħna nistgħu nimxu fihom.

a) Iż-żmien huwa mitmum. Iż-żmien tal-wegħdiet t’Alla spiċċa, daħal iż-żmien tat-twettiq ta’ dawn il-wegħdiet f’sidna Ġesù. Wasal iż-żmien tal-preżenza tal-Għarus. Allura rridu nifirħu għax Alla sema’ t-talb tal-poplu tiegħu u bagħtilhom lil Ibnu.

b) Is-Saltna t’Alla waslet. Kif? Fejn? Meta? Fil-milja taż-żmien meta Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fostna. Il-punt ta’ referenza tagħna issa huwa Ġesù; dak li Hu, dak li jgħid u dak li jagħmel.

c) Indmu. L-intelliġenza tagħna iddawlilna moħħna biex nagħrfu d-distakk enormi bejn dawn l-ewwel żewġ realtajiet li semmejna u dak li kapaċi nagħmlu aħna u għalhekk timbuttana biex nagħmlu opri ta’ ndiema xierqa għal din is-sejħa ġdida li Alla jagħmlilna.

d) Emmnu fil-bxara t-tajba. Din l-aħbar sabiħa hija l-Kelma ta’ Ġesù li nsibu fil-vanġeli. Mhijiex għalhekk xi kelma li nistgħu nagħżlu l’hawn u l’hemm imma Kelma li fiha hemm il-misteri kollha tal-ħajja ta’ Ġesù, mill-Inkarnazzjoni sa qabel it-tlugħ tiegħu fis-sema. Mhijiex kelma faċli, imma sabiħa, hija eżiġenti, imma tferraħna, hija kelma li tixlina, imma tħallina fil-paċi.

Nawguralkom l-isbaħ xewqat flimkien ma’ esperjenza aktar profonda tal-Bxara t-Tajba. Kunu mberkin.

Post a comment