Imġeddin fl-Ispirtu u nfuħu bil-Grazzja – 1 ta’ April 2017

Imġeddin fl-Ispirtu u nfuħu bil-Grazzja

Dan ix-xahar se niċċelebraw l-akbar u l-isbaħ ġimgħatejn tas-Sena Liturġika li fihom se ngħaqqdu l-preparazzjoni, it-twettiq u r-riżultat flimkien mal-effetti tal-Misteru ta’ l-Għid. F’dawn il-ġimgħatejt nilmħu kuntrasti kbar: tbatija, mewt u difna fuq naħa u qawmien u glorja n-naħa l-oħra. L-ewwel parti se nippruvaw ngħixuha fil-Ġimgħa Mqaddsa filwaqt li t-tieni parti se ngħixuha fl-Ottava tal-Għid. Ir-rabta bejn dawn il-ġimgħatejn hija, il-Vġili tal- Għid li fiha se nagħmlu l-esperjenza tal-Qawmien wara l-mewt ta’ Ġesù.

Il-Ġimgħa Mqaddsa hija parti miż-żmien tar-Randan u għalhekk hi kkaratterizzata mit-tlett karatteristiċi tal-opri ta’ dan iż-żmien: sawm, talb u karità. Fil-quddiesa tal-Erbgħa tal-Irmied kont issuġġerejt xi eżempji biex aħna nagħmluhom bħala parroċċa. Bħala talb komunitarju ssuġġerejt it-talb tal-brevjar li aħna nkantawh is-sibtijiet filgħaxija u l-adorazzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka li nagħmlu wara l-viżti filgħaxija. Bħala sawm, apparti l-Erbgħa tal-Irmied u l-Ġimgħat tar-Randan li fihom nistgħu nsumu jew niċċaħdu minn xi affarijiet li jogħġbuna, għandna l-opportunità tas-sawm u astinenza tal-Ġimgħa l-Kbira li għandu jqarribna aktar lejn Ġesù li mill-Ħamis filgħaxija sakemm miet ma kiel u xorob xejn. Bħala karità ssuġġerejt l-attività ta’ Ħadd il-Palm li fiha nibdew il-Ġimgħa mqaddsa. Dak il-jum il-parroċċa se tkun ħadmet sabiex matul tmiem il-ġimgħa, bis-sehem tal-abbatini, tfal u kull min ried jgħin, tipprepara mijiet ta’ figolli sabiex bil-bejgħ tagħhom tiġbor fondi biex jingħataw lill-Fondazzjoni Puttinu. Din l-organizzazzjoni għenet, qed tgħin u se tkompli tifrex il-ħidma tagħha biex tkun ta’ sostenn għal tant familji li t-tfal tagħhom ikollhom bżonn kura għall-marda tal-kanċer, barra minn Malta. Din hija tip ta’ karità evanġelika għaliex żgur li l-id il-leminija mhux se tkun taf x’inhi tagħmel ix-xellugija.

L-Ottava tal-Għid hija ikkaratterizzata minn ferħ straordinarju. Fl-ewwel sena tiegħi bħala viċi kappillan Ħal Tarxien baqgħet f’moħħi l-esperjenza tat-tberik fl-ottava tal-Għid għax dak iż-żmien kien hemm tradizzjoni li r-raħħala li se jilqgħu s-saċerdot jieħdu battikata u jnaddfu d-dar b’tali mod li meta tidħol għandhom tħoss li dħalt f’ambjent ġdid, frisk u jfuh. Jalla l-festa ta’ l-Għid li se niċċelebraw ftit tal-ġimgħat oħra l-Mulej Ġesù jsibna mħeġġin fl-Ispirtu u nfuħu bil-fwieħa tal-Grazzja, isibna mħeġġa fil-Wegħdiet tal-Magħmudija u l-Griżma li rċevejna u għadha fina. Il-Mulej iberikkom.

il-Kappillan
1 ta’ April, 2017 

Post a comment