Il-Mulej imexxi l-isforzi tagħna

Għeżież, fl-ewwel jum tas-sena, il-Parroċċa ċċelebrat il-50 sena mit-twaqqif tagħha u jiena żgur li dawk kollha li kienu preżenti għaċ-Ċelebrazzjoni sabiħa li kellna, irringrazzjaw lil Alla għax matul dan iż-żmien ‘għamel magħna ħwejjeġ kbar’. Meta wieħed iqis il-bidu umli li kellha l-parroċċa tagħna, il-ftit riżorsi biex tinbena l-Knisja l-ġdida kif ukoll, id-diffikultà li trid tibda’ kollox mix-xejn bħala parroċċa, tista’ tapprezza kemm tassew ikun il-Mulej li jmexxi l-isforzi tagħna, kbar kemm ikunu kbar.

Tassew minn x’imkien trid tibda’. Jiena nara li l-bażi tpoġġiet mill-bidu nett. L-Oratorju tal-Kunċizzjoni li Pawlu Burlò kien waqqaf fl-1920 qiegħed għall-parroċċa futura l-pedament li fuqu kellha tinbena l-ispiritwalità ta’ din il-parroċċa: il-Kunċizzjoni Immakulata ta’ Nażaret, il-qaddejja tat-Trinità. Il-motto magħżul fl-1968: ‘Madonna Berikna’ narah frott din il-bażi spiritwali. Għalhekk aħna permezz ta’ din id-devozzjoni Marjana nfittxu lil Marija biex tidħol għalina u tiksbilna mingħand it-Trinità, il-ħarsien t’Alla l-Missier li tiegħu kienet il-bint l-aktar maħbuba għax dejjem għamlet ir-rieda tiegħu. Nitolbuha wkoll biex nirċievu l-barka mingħand Ġesù, l-Iben waħdieni tagħha, fil-forma tal-Ħniena bla tmiem li kisbilna b’demmu fil-misteru tal-Għid u li nirċevuha b’mod abbundanti fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni. Nitolbu wkoll lil Marija Immakulata tberikna billi tinterċedi għalina quddiem l-Ispirtu s-Santu sabiex niksbu d-don tas-sliem, tal-paċi, għax nafu li b’dan id-don li aħna nistgħu nkomplu b’perseveranza s-sejħa tagħna tad-dixxipulat wara Ġesù.

Iż-żmien liturġiku tar-randan diġa’ se jgħinna nqawwu l-fidi tagħna u r-riżoluzzjonijiet li għamilna għal din is-sena. Niftħu għalhekk widnejna, nisimgħu l-Kelma li l-Knisja se tħabbrilna matul dan iż-żmien. Inkebbsu bl-imħabba t’Alla qalbna biex inkunu nistgħu nisimgħu dak li qalet l-Immakulata: ‘Agħmlu kull ma’ jgħidilkom Hu’. Nippruvaw għalhekk nagħmlu mhux dak li jfettlilna, imma dak li jgħid Ġesù, anzi kull ma’ jgħid. Kunu mberkin.

Post a comment