Ġesu’ qiegħed magħna fl-Ewkaristija

Għeżież, iż-żmien sabiħ li fih il-Knisja iċċelebrat l-Għid, għadda wkoll, imma ż-żmien li l-Knisja tagħmel l-esperjenza tal-Għid ma jintemmx. Dan għaliex kif iċċelebrajna s-Solennità tal-Pentekoste mill-ewwel bdejna ċiklu ta’ festi oħra għeżież li fihom il-Mulej jistedinna ngħixu l-esperjenza ta’ l-Għid. Dawn il-festi huma: it-Trinità Qaddisa, Corpus Christi u l-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, festi li jwasslu messaġġ qawwi: Alla hu magħna. San Pawl iżid fuq dan billi jgħid: ‘Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun kontra tagħna?’

Hekk hu, imma jeħtieġ azzjoni min naħa tagħna u tal-Knisja: ‘Ibqa’ magħna Mulej’. Alla hu magħna permezz tat-Trinita’ Qaddisa. Alla Hu wieħed, fi tlett persuni distinti. Nistiednu ‘l Alla sabiex jibqa’ magħna. Irridu nitolbu l-preżenza tal-Missier sabiex nikkonvinċu ruħna mill-imħabba bla tmiem tiegħu għal kull wieħed u waħda minna. Li l-Missier iħobbna, Ġesù nnifsu għarrafulna fl-aħħar ċena. Wera dan ċar permezz tal-ministeru tal-predikazzjoni tiegħu meta wasslilna parabboli sbieħ bħal dik tal-Iben il-ħali fejn il-Missier jagħmel festa meta rritorna lura ibnu iż-żgħir.
Irridu nitolbu lill-Ispirtu s-Santu sabiex jibqa’ magħna għaliex niżel fina biex iqaddisna fil-magħmudija tagħna. Aħna, issa rridu nagħmlu l-għalmu kollu tagħna sabiex jibqa’ jmexxina, sakemm ma niċħduhx aħna stess u nbiegħduħ minna, minħabba dnubietna. Irridu li jibqa’ magħna wkoll bid-dawl, bl-għerf, bl-ideat, bil-faraġ, bl-entużjażmu u bil-ħarsien tiegħu.

Jeħtieġ nitolbuh ‘l Ġesù jibqa’ magħna aħna wkoll. Id-dixxipli ta’ Emmaus talbuh jibqa’ wara li għamel siegħat jispjegalhom l-Iskrittura fil-mixja minn Ġerusalemm sa Emmaus. Aħna wkoll irridu nitolbu lil Ġesù, jibqa’ magħna matul il-ħajja tagħna; fil-ferħ, fit-tbatija, fl-inkwiet, f’kull pass, mhux biss bl-Iskrittura, imma wkoll u l-aktar permezz tal-qsim tal-Ħobż. Ġesù baqa’ magħna fl-Ewkaristija, ma setgħax jagħtina prova akbar tar-rieda tiegħu li jibqa’ magħna kull ħin ta’ ħajjitna. Aħna jeħtieġ nuruh li tassew irriduh jibqa’ magħna billi nagħmlu ta’ l-inqas tlett affarijiet: 1) niċċelebraw il-Jum tal-Mulej; 2) nagħmlu Adorazzjoni Ewkaristika kuljum, anke jekk għal ftit minuti, kif ukoll; 3) nagħtu xhieda tal-fidi tagħna billi nieħdu sehem fil-purċissjoni ta’ Corpus li tiċċelebra l-parroċċa tagħna u f’dik tal-Qalb ta’ Ġesù li niċċelebraw mal-parroċċa ta’ San Gejtanu. Kunu mberkin.

Post a comment