Ġesu’ jsejjaħ, jagħżel u jibgħat

Għeżież, 

Matul din is-sena, il-liturġija tal-Kelma tal-Ħdud qed tlaqqagħna mal-vanġelu ta’ San Mark. Huwa l-aktar vanġelu qadim għalkemm l-iqsar. Għax huwa l-aktar antik iwasslilna l-aħbar it-tajba, il-Kerygma oriġinali, l-ewwel esperjenza tal-Kelma tal-ħajja ta’ Ġesù li l-ewwel insara qatt għamlu. Għax huwa l-iqsar, iwasslilna l-ħsieb tal-ħtieġa tal-Kelma, l-importanza ta’ kull kelma miktuba fil-vanġelu, li huwa ispirat mill-Ispirtu s-Santu.

San Mark jagħti ħafna mportanza lid-dixxipli u l-appostli u l-formazzjoni li Ġesù rriserva għalihom. Waħda mill-ewwel affarijiet li d-dixxipli għamlu kien li ‘jkunu ma’ Ġesù’. Hekk naraw l-esperjenza personali u komunitarja tad-dixxipli (ta’ kull żmien) ma’ Sidna Ġesù Kristu. Kellu jkun frott din l-esperjenza dak li l-appostli wettqu wara l-Qawmien u t-tlugħ fis-sema tal-Mulej fil-missjoni tal-Knisja li Hu afdalhom. L-ewwel, l-esperjenza ma’ Ġesù, imbagħad it-trasmissjoni ta’ din l-esperjenza permezz tax-xhieda u l-Kelma.

Fir-rakkont tal-mandat tat-tnax, San Mark iwasslilna silta qasira, imma essenzjali ta’ din l-esperjenza fundamentali. L-ewwel ħaġa, Ġesù jsejjaħ lin-nies u għamilhom dixxipli. Wara s-sejħa, Ġesù għażel tnax; sejjaħ lil kulħadd imma imbagħad għażel tnax biss għall-missjoni partikolari. Wara, Ġesù bagħthom tnejn tnejn u ordnalhom xi affarijiet. Ġesù sejjaħ, għażel u bagħat, l-inizjattiva kienet dejjem f’idejh, kienet tiegħu, imma tahom direzzjoni mportanti; bagħthom tnejn tnejn. Ġesù ried li l-missjoni jkollha element ta’ xhieda u fl-istess ħin ta’ ‘support’. Din kienet idea pjuttost ġdida għaliex fit-testment il-qadim dejjem kellna l-profeti li kienu jgħaddu l-esperjenzi diffiċli tagħhom weħedhom. Ġesù biddel l-istrateġija għax l-appostli kellhom ikunu wkoll rgħajja responsabbli mill-komunitajiet ġodda li kellhom jitwieldu wara l-Pentekoste. B’hekk ikun hemm kontinwità u mhux kollox jiddependi mill-‘profeta’.

Dak li l-appostli għamlu kien propju dak li Ġesù qal fl-ewwel sentenza tiegħu fil-vanġelu ta’ San Mark; iħabbru biex in-nies jindmu u jemmnu fil-Bxara t-tajba. 55 sena ilu, fis-16 t’Awissu 1963, il-Knisja tagħna ġiet imbierka u bdiet tiffunzjona biex anke hawn jitwettaq dak li Ġesù bagħat l-appostli jagħmlu; biex titwassal il-bxara t-tajba u tistieden lin-nies jindmu u jemmnu fl-Evanġelju u jagħmlu mixja ta’ fidi li mill-magħmudija twassalhom sas-saltna tas-smewwiet. Il-Mulej iberikkhom.

Dun Mario

Post a comment