Dun Edgar Ħallielna Pedament

Dun Edgar Ħallielna Pedament

Għeżież, dan ix-xahar, bl-għajnuna t’Alla, il-Parroċċa tagħna tibda’ tiċċelebra l-Ħamsin anniversarju mit-twaqqif tagħha fin-novena tal-Kunċizzjoni Immakulata. Għalhekk nhar l-Erbgħa 29 ta’ Novembru nibdew din is-sena speċjali li, imbagħad tintemm fil-festa tal-Kunċizzjoni tal-2018. Matul din is-sena se jkollna ħafna opportunitajiet nitkellmu fuq l-attivitajiet li se norganizzaw. Bħala l-ewwel riflessjoni fil-ftuh ta’ din is-sena speċjali xtaqt li nfakkru lil Dun Edgar Vella Anastasi li kien fundamentali fit-twaqqif tal-Parroċċa. L-20 ta’ dan ix-xahar huwa l-55 anniversarju mill-mewt tiegħu li ġrat disa’ xhur qabel ġiet inawgurata l-knisja. Għalkemm ma kellux jara l-opra li tant ħadem għaliha lesta, ħidmietu kienet strumentali biex dan il-proġett kbir jitwettaq.

Ma nafux jekk Dun Edgar kellux l-ispirazzjoni u l-viżjoni li din il-knisja, li hu tant kien se jitfa’ enerġija sabiex titlesta kellha tiżviluppa fil-Knisja ta’ Parroċċa Ġdida fil-Ħamrun. Imma li nafu żgur hu li hekk kif ġie maħtur rettur wara l-mewt ta’ Pawlu Burlò, beda mill-ewwel jipprejokkupa ruħu għall-ġid spiritwali ta’ komunità li kienet qed tiżviluppa bil-mod il-mod. Hekk kif il-ħsieb ta’ knisja ġdida kienet ċara f’moħħu, Dun Edgar, ma ħasibx biss għal xi kappella jew knisja, akbar mill-Oratorju ta’ dak iż-żmien. Il-‘biċċa’ art li xtara (iktar minn 100 qasba) kellha l-potenzjal li mhux biss tipprovdi spazju għall-knisja kbira fuq il-livell tal-art, imma wkoll tipprovdi l-possibilità li tuża parti mill-‘basement’ tagħha għal spazji alternattivi li matul iż-żmien servew għal ħafna ħidmiet pastorali u so=jali.
Inħoss li matul din is-sena l-parroċċa bix-xieraq trid tfakkar lil dan is-saċerdot Ħamrunż li mhux biss kien bniedem b’viżjoni, imma kien ukoll bniedem li ma qagħadx lura milli jħammeġ idejh u jmidd idu għax-xogħol, anke dak li llum ma tantx nieħdu gost nagħmlu. Kienet ħasra li saċerdot daqshekk bieżel u ġeneruż imut ta’ 43 sena. Imma fit-tnax-il sena li għamel bħala rettur taż-‘żona’ tal-Kunċizzjoni, Dun Edgar ħallielna l-pedament li fuqu ħadmu tant saċerdoti u lajċi fil-passat u li nisperaw li aħna wkoll, saċerdoti u lajċi tallum u t’għada, inkomplu naħdmu fuq il-passi tagħhom għall-ġid ta’ din il-parroċċa għażiża ddedikata lil Marija Immakulata. Il-Mulej iberikkom.

Post a comment