Dixxipli ta’ Kristu…nimxu ma’ Marija

Hekk kif għadna kemm bdejna sena soċjali ġdida għandna quddiemna l-għeluq taċ-Ċentenarju tad-deheriet tal-Madonna f’Fatima. Għalina se tkun okkażjoni speċjali għax fil-jum tal-aħħar dehra se nilqgħu fostna l-istatwa devozzjonali tal-Madonna ta’ Fatima li tinsab fid-Dar tal-Kleru, statwa li ġġib memorji sbieħ ħafna għal ħafna Maltin. Dak inhar filgħaxija se nagħmlu wkoll pellegrinaġġ mill-knisja tagħna għal dik ta’ Gwardamanġa u wara ssir quddiesa Konċelebrata. F’din l-okkażjoni tkun ħaġa sabiħa li l-membri tal-Parroċċa tagħna jingħaqdu mal-membri tal-Parroċċa ta’ Gwardamanġa, kemm minħabba l-okkażjoni speċjali u kemm minħabba li din il-parroċċa tiċċelebra magħna l-50 sena mit-twaqqif tagħha.

Il-pellegrinaġġ hi azzjoni li l-għan tagħha jmur aktar ‘l bogħod. Bil-mixja aħna nuru li aħna dixxipli ta’ Ġesù għax li nimxu wara xbieha Marjana jfisser li aħna nixtiequ nimitaw lil Marija fil-mixja personali tagħha wara Binha, karatterizzata mill-“Iva” nkondizzjonata tagħha. Il-mixja wara Marija taħt it-titlu ta’ Fatima tfisser li aħna konxji tal-messaġġ li l-Madonna tenniet fil-Portugall u li dan sar parti mill-ispiritwalità tagħna.

Nistgħu niġbru l-messaġġ ta’ Fatima fi tlett kelmiet: a) konverżjoni; b) adorazzjoni u c) interċessjoni. Il-mixja wara Ġesù trid tkun dejjem frott ta’ għażla li aħna għamilna fil-magħmudija u li rridu dejjem naġġornaw, jekk jista’ jkun kuljum, sabiex il-fidi tkun rilevanti fiż-żmien li qegħdin ngħixu.

L-adorazzjoni, speċjalment dik Ewkaristika, hija turija, anke pubblika tal-fidi, tama u mħabba lejn il-Ħallieq tagħna li trid ukoll tilħaq mhux biss l-isfera personali, imma wkoll dik komunitarja. L-Adorazzjoni għandha għan teoloġiku (immirata lejn Alla) kif ukoll dak komunitarju ta’ riparazzjoni u nterċessjoni. Ma ninsewx li fil-parabbola tal-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli Ġesù fil-ħdax-il siegħa sab nies m’huma jagħmlu xejn għax, skont huma, ħadd ma’ qabbadhom. Imma jidher li lanqas huma ma ndenjaw ruħhom imorru jfittxu jew jistaqsu, fis-sens li ħaddieħor irid jieħu nteress għalihom. Għalhekk nitolbu lil Madonna ta’ Fatima tidħol għalina sabiex ikollna xewqa sinċiera ta’ bidla kontinwa fil-ħajja spiritwali, spirtu ta’ riparazzjoni u interċessjoni għall-proxxmu tagħna li jwassalna biex ikollna qalb mimlija kompassjoni bħall-Qalb bla tebgħa ta’ Marija.

Post a comment