Aġenti tal-Evanġelizzazzjoni

Għeżież. Bl-għajnuna t’Alla għadna kemm iċċelebrajna l-50 Anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa tagħna. Iċ-Ċelebrazzjoni prinċipali hi l-Quddiesa Solenni propju nhar l-ewwel tas-sena flimkien ma’ numru sabieħ ta’ saċerdoti, parruċċani u persuni li, għalkemm m’għadhomx joqgħodu fil-Ħamrun, xorta waħda ħassew li għandhom jingħaqdu magħna għal din l-okkażjoni. Kienet ukoll sinifikattiva li dan l-anniversarju kellu bħala Ċelebrant prinċipali l-Ewwel Kappillan ta’ din il-parroċċa. Dun Ġużepp Mifsud Bonnici mill-bidu nett tal-ministeru saċerdotali tiegħu ġie assenjat mill-Arċisqof Gonzi sabiex jieħu ħsieb din, li dak iż-żmien kienet ikkunsidrata bħala żona pastorali. Dun Ġużepp ma kienx biss l-Ewwel Kappillan, imma dak li, lill-parroċċa taha direzzjoni. Il-motto li għażel 50 sena ilu: ‘Madonna Berikna’ huwa d-direzzjoni li l-parroċċa mxiet u se tibqa’ miexja fiha. Nistgħu forsi nelaboraw fuq dan il-motto u nżidu xi kliem ieħor, bħal: Marija mnissla bla dnub, laqqgħana ma’ Ibnek Ġesù li hu l-barka t’Alla l-Missier għalina.

Lil Marija se nibqgħu nitolbuha l-barka t’Alla, hi l-ħarsien tal-Mulej fuq il-ħajja tagħna, li jixħet id-dija ta’ wiċċu fuqna u li jurina l-ħniena. Il-barka t’Alla ngħixuha meta l-Mulej iħares lejna bi mħabba u jagħtina l-paċi. Forsi narawhom kbar wisq dawn il-wegħdiet li jagħmel Alla lil Mosè u nħossu li ma jistħoqqhilniex doni hekk kbar. Marija tidħol għalina f’din iċ-ċirkostanza u għalhekk nistgħu nitolbuha tidħol għalina hi quddiem Alla l-Missier u tinterċedi għalina ħalli dawn il-grazzji u doni jiġu ppreżentati lilha u hi, ġentilment, tgħaddihom lill-Knisja, lil kull wieħed u waħda minna.

Fil-messaġġ li bagħat Papa Franġisku lil membri tal-parroċċa kkwotalna l-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium Numru 28, fejn saħaq li l-parroċċa tagħna hija l-preżenza tal-Knisja f’territorju, il-post fejn tinstema’ l-Kelma t’Alla, fejn tikber il-ħajja Nisranija, fejn isir id-djalogu, it-tħabbira, l-imħabba ġeneruża, l-adorazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni.  Permezz tal-attivitajiet kollha li nagħmlu, il-parroċċa trid tagħmel il-qalb u tifforma lill-membri tagħha biex isiru aġenti tal-evanġelizzazzjoni.  Il-parroċċa tagħna trid tkun komunità ta’ komunitajiet, santwarju fejn dawk li huma bil-għatx jersqu jixorbu biex jissoktaw jimxu u jkunu ċentru ta’ mandat missjunarju kontinwu. Il-Papa jridna nibnu l-ħajja pastorali tagħna fuq dawn it-tlett sentenzi u dawn naslu biex inwettquhom bil-preżenza materna ta’ Marija Immakulata, li se tkompli tmexxi l-parroċċa fis-snin li ġejjin.
Kunu mberkin.

Post a comment