MEJJU ix-Xahar ta’ Marija

Event details

  • Monday | 27th April 2020 to Saturday | 30th May 2020
  • All Day

MEJJU ix-xahar tar-Rużarju imma mhux biss!

100 Sena minn meta Pawlu Burlo’ beda jsejjaħ għar-Rużarju li minnu twettqet il-Kappella li wasslet għall-Knisja u l-Parroċċa tagħna. IR-RUŻARJU GAWHRA PREZZJUŻA. 1920, Mejju, Pawlu Burlo’ fi Triq li llum ġġib ismu, stieden numru ta’ tfal biex jgħidu r-rużarju fit-terran tiegħu fejn taħt it-taraġ żejjen u qiegħed statwa tal-Immakulata Kunċizzjoni.  Min kellu jgħidlu li bla jaf welled mhux biss oratorju umli, imma wkoll kappella umli li żergħet iż-żerriegħa li kellha twarrad f’parroċċa ! Dik li għandna llum ! Kos hux 1920, huwa wkoll sentejn wara l-imxija tal-Influwenza Spanjola (1918) li ħalliet mejta miljuni mad-dinja! F’din il-Pandemija li qed ngħixu llum li qed tħallina l-bogħod mis-sagramenti, mill-Ħobż Ħaj li niżel mis-sema, fi qsim il-qalb niċċaħdu saħansitra li nagħtu l-aħħar tislima lill-għeżież tagħna….nistgħu nitolbu aktar, nafdaw f’Alla dejjem u nduru lejn Marija u ngħidulha, Madonna Berikna, taħt il-ħarsien nistkennu Omm qaddisa t’Alla.

Il-Papa Franġisku qalilna:
Ghidtilkom ħafna drabi u nixtieq nerġa’ ntennielkom, kemm hu mportanti li nsiru midħla tal-qari tal-Iskrittura, għal ftit minuti, kuljum. Ejjew inżommuha fil-bwiet tagħna, fil-basktijiet tagħna. Jalla tkun dejjem ħdejna, anke fiżikament, biex naqraw ftit minnha kuljum.

Jiena stedint il-fidili kollha biex jitolbu ir-Rużarju Mqaddes dan ix-xahar, mal-familji tagħkom jew waħedkom u titolbu waħda miż-żewġ talbiet li għaddejt lil kulħadd. Jalla Ommna tgħinna ngħixu b’fidi akbar u b’tama sħiħa. dan iż-żmien diffiċli li għaddejjin minnu.”

Dawn huma t-talbiet li ssuġġerixxa l-Papa Franġisku:

TALBA 1

O Marija, id-dawl tiegħek dejjem jixgħel fil-mixja tagħna bħala sinjal ta’ salvazzjoni u ta’ tama. Aħna nintelqu f’idejk, Saħħa tal-morda, li maġenb is-salib isseħibt fit-tbatija ta’ Ġesù, waqt li żammejt sħiħa fil-fidi tiegħek.
Int, Salvazzjoni tal-poplu tagħna, taf x’neħtieġu u aħna żguri li se tipprovdi biex, bħal f’Kana tal-Galilija, jerġa’ jkollna l-ferħ u l-festa wara dan il-mument ta’ tiġrib.
Għinna, Omm tal-Imħabba Divina, biex inħaddnu r-rieda tal-Missier u nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù, li ħa fuqu l-mard tagħna u tgħabba bin-niket tagħna biex, permezz tas-salib, iwassalna għall-ferħ tal-qawmien. Ammen.
Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm Qaddisa ta’ Alla. La twarrabx minn quddiemek it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna, iżda eħlisna dejjem minn kull tiġrib, o Verġni glorjuża u mbierka.

TALBA 2
“Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm Qaddisa ta’ Alla”.
Fil-qagħda drammatika ta’ bħalissa, mimlija tbatija u wġigħ li qed jifnu lid-dinja kollha, lejk induru, Omm Alla u Omm tagħna, u nfittxu l-kenn taħt il-ħarsien tiegħek.
O Verġni Marija, dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena f’din il-pandemija tal-Coronavirus, u farraġ lil dawk li jħossuhom imfarrka u qed jolfqu minħabba fl-għeżież tagħhom mejtin, xi drabi midfuna b’mod li jħalli ġerħat miftuħa fir-ruħ tagħhom. Wieżen lil dawk li huma mħassbin għall-persuni morda li, biex ma jirriskjawx li jittieħdu, ma jistgħux ikunu qrib tagħhom. Imla bil-fiduċja lil min jinsab anzjuż għall-futur inċert u għall-konsegwenzi fuq l-ekonomija u fuq ix-xogħol tiegħu.
Omm Alla u Omm tagħna, itlob għalina quddiem Alla, Missier il-ħniena, biex din il-prova iebsa tintemm ħa nerġgħu naraw ix-xefaq tat-tama u tas-sliem. Bħal f’Kana, indaħal int quddiem l-Iben Divin tiegħek, u itolbu jrodd faraġ lill-familji tal-morda u tal-vittmi u jiftħilhom qlubhom għall-fiduċja.
Żomm idejk fuq it-tobba, l-infermiera, il-ħaddiema fl-isptarijiet, il-voluntiera li f’dan il-perjodu ta’ emerġenza jinsabu fuq quddiem nett u qed iqiegħdu ħajjithom f’riskju biex isalvaw ħajjiet oħra. Sieħeb int it-taħbit erojku tagħhom u agħtihom il-qawwa, it-tjieba u s-saħħa.
Kun qrib ta’ dawk li lejl u nhar jassistu lill-morda kif ukoll tas-saċerdoti li, b’attenzjoni pastorali u ħeġġa evanġelika, qed ifittxu li jgħinu u jwieżnu lil kulħadd.
Verġni Mqaddsa, dawwal l-imħuħ tan-nies tax-xjenza, biex isibu soluzzjonijiet ġusti ħalli tingħeleb din il-marda.
Għin lill-Mexxejja tan-Nazzjonijiet, biex iħabirku b’għerf, għożża u ġenerożità, jagħtu l-għajnuna lil dawk li m’għandhomx il-meħtieġ biex jgħixu, jippjanaw soluzzjonijiet soċjali u ekonomiċi b’viżjoni fit-tul u bi spirtu ta’ solidarjetà.
Marija Santissma, miss il-kuxjenzi biex is-somom enormi ta’ flus użati biex jiżdiedu u jissaħħu l-armamenti jintużaw minflok biex jippromovu studji tajba b’risq il-prevenzjoni ta’ katastrofi simili fil-futur.
Maħbuba Omm tagħna, seddaq fid-dinja kollha s-sens ta’ appartenenza għal familja waħda kbira, fl-għarfien tar-rabta li xxierek lil kulħadd, biex bi spirtu ta’ aħwa u ta’ solidarjetà nagħtu l-għajnuna tagħna f’tant sitwazzjonijiet ta’ faqar u ta’ miżerja. Ħeġġiġna biex inżommu sħaħ fil-fidi, nipperseveraw fil-qadi, u ma nehdew qatt nitolbu.
O Marija, Faraġ tal-imġarrbin, ħaddan miegħek lil uliedek kollha tturufnati u itlob lil Alla biex ma jdumx ma jerfa’ d-driegħ setgħan tiegħu u jeħlisna minn din l-epidemija terribbli, biex hekk il-ħajja tista’ terġa’ lura b’serenità għar-ritmu normali tagħha.
Fik nafdaw, int li bid-dija tiegħek iddawwal il-mixja tagħna bħala sinjal ta’ salvazzjoni u ta’ tama, o ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija. Amen.