No comments yet

Gheluq l 40 sena

MESSAĠĠ TA’ MONS. ARĊISQOF
PAUL CREMONA O.P.

LILL-PARROĊĊA IMMAKULATA KUNĊIZZJONI – ĦAMRUN

L-ewwel ħsieb li jiġini huwa ta’ ringrazzjament lill-Mulej u lil Marija Immakulata tal-ġid pastorali li sar f’din il-parroċċa matul dawn l-40 sena. Dan ma sarx waħdu. Imma għax persuni ta’ fidi, ta’ ħila u ta’ entużjażmu offrew ħajjiethom u ħinhom fil-qadi tal-poplu ta’ Alla. Grazzi lill-kappillani, saċerdoti, reliġjużi irġiel u nisa, membri ta’ għaqdiet u movimenti kattoliċi u l-poplu ta’ Alla kollu kemm individwali kif ukoll bħala familji u bħala soċjetajiet.
Imma din il-parroċċa trid tkompli l-missjoni tagħha. Inħarsu lura għas-sodisfazzjon u l-kuraġġ, u nħarsu ‘l quddiem għall-isfidi dejjem ġodda.

Meta fl-20 ta’ April li għadda kelli l-okkażjoni li nitkellem mal-membri tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali qsamt magħhom dawn ir-riflessjonijiet:

Il-parroċċa trid tkun xhieda viżibbli għal min għadu ma għarafx lill-Mulej. Irid isibu permezz tagħna.
Il-parroċċa hija l-Knisja li tgħammar f’nofs id-djar ta’ wliedha. Nemmnu li qegħdin flimkien mhux kumbinazzjoni, imma biex din ir-realtà soċjali nagħmluha realtà spiritwali.

Ma nistgħux nitkellmu mill-parroċċa billi nibdew mill-istrutturi . Il-parroċċa tibda mill-fidi tal-persuni wieħed wieħed u waħda waħda. Jiena nħoss din il-fidi, inti tħoss din il-fidi, il-persuna l-oħra iħossu din il-fidi li hemm ġewwa fina. Meta jiena li g]andi l-fidi ġewwa fija niltaqa’ ma’ persuna oħra li għandha l-fidi, nibdew nitkellmu fuq il-fidi tagħna. Hemmhekk inkunu qed nitfgħu ż-żerriegħa tal-komunità, g]ax il-fidi ma tibqax biss fidi tiegħi imma ssir fidi tagħna. Meta din il-fidi tkun b’saħħitha biżżejjed fil-komunità, il-knisja tagħtiha r-responsabbiltà ta’ parti mill-poplu ta’ Alla biex tieħu ħsiebu. U din il-missjoni qabel ma jagħtihielna l-Isqof trid tkun fina permezz tal-magħmudija.

Irridu inkunu l-poplu ta’ Alla ta’ l-Għid il-Kbir. Dan ifisser li nemmnu fil-ħajja ta’ wara din u ngħixu mexjin lejn din il-ħajja. Irridu nkunu wkoll il-poplu ta’ Alla ta’ Għid il-Ħamsin, jiġifieri ma nistgħux ngħixu l-fidi tagħna fil-biża li kellhom l-appostli qabel niżel l-Ispirtu s-Santu fuqhom. Imma rridu nkunu komunità li bla biża’ u bl-entużjażmu nipproklama li Kristu l-Mulej huwa ħaj.

Min dan kollu jidher li l-parroċċa mhux biss għandha futur, imma wkoll għandha missjoni. Fuq l-esperjenzi sbieħ ta’ l-40 sena li għaddew, nistedinkom ilkoll flimkien li tirriflettu fuq dawn l-aspetti fundamentali u fuqhom tibnu kull pjan pastorali u kull attività oħra.

Minn qalbi nawguralkom kull ġid u hena tal-Mulej. Nitlob lill-Mulej jixħet il-barka Tiegħu fuqkom ilkoll. Nitlob lil Marija Immakulta li kif daħlet f’din id-dinja mingħajr ħtija, tgħinkom tevitaw kull ħtija u tersqu lejn Binha Ġesù, speċjalment fl-Ewkaristija.

+ Pawlu

Arċisqof ta’ Malta 9 ta’ Mejju, 2007
tifkira tal-Beatu Ġorġ Preca

Post a comment